Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija f’Ħal Għaxaq se jsir kunċert bl-isem ta’ ‘Summer Lust’. Il-kunċert qed torganizzah l-Għaqda Mużikali San Ġużepp u se jsir fil-grawnd tal-futbol ta’ Ħal Għaxaq.
Matul dawn il-jumejn il-palk se jkun iddominat minn diversi artisti lokali. Fost l-oħrajn, il-Ġimgħa se jkun hemm Ira Losco u DJ Ziggy, filwaqt li s-Sibt se jkun hemm Ivan Grech u DJ Tenisha.
Dwar dan l-avventiment tkellimna ma’ wieħed mill-organizzaturi, Frank Zammit.
Hu qal, “Id-dħul għal dawn il-kunċerti huwa mingħajr ħlas, fejn kull ma qegħdin nitolbu li tingħata donazzjoni li mbagħad tingħata lil Dar Bjorn. L-aħħar darba li saret konna tajna d-donazzjoni ta’ €18,200. L-appell tagħna huwa li kulħadd jiġi Ħal Għaxaq għal dawn il-kunċerti. Parkeġġ mhux se jkun problema: jaslu fil-Bypass ta’ Ħal Għaxaq, fejn hemmhekk se jkun hemm areas miftuħin apposta biex wieħed ikun jista’ jipparkja.”