L-artiklu ppublikat llum mil-gazzetta Times of Malta li jġib l-isem “Large-Scale Cannabis Farming in the South” huwa qarrieqi u mimli fabbrikazzjonijiet. Dan intqal f’ stqarrija mill-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar.
L-istqarrija tgħid li fejn l-artiklu jgħid li kien hemm bidla fil-politika f’ dan il-qasam, assolutament mhux minnhu. Il-liġi proposta teskludi kategorikament il-kultivazzjoni tal-kannabis bl-unika eċċezjoni maqbula fil-Parlament tkun dik fil-kuntest ta’ produzzjoni ta’ prodotti mediċinali jew għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika.
L-artiklu tat-Times of Malta jgħid li l-kultivazzjoni ser issir biex jinbiegħu l-flower buds fejn realistikament il-liġi tgħid li flower buds f’dożi speċiki ser ikunu permessi speċifikament għal użu mediċinali. Hawn saret emfażi fuq il-fatt li dak kollhu li ser ikun qed isir, ser ikun taħt regolarizzazjoni stretta ta’ istituzzjonijiet internazzjonali li jirregolaw dawn is-setturi, skond kif mitlub fil-legislazzjoni Maltija.