Artiklu fuq il-ġurnal fil-Lussemburgu, Luxembourg Times, jitfa’ dawl dwar il-programm ta’ tilqim għall-Covid-19 ta’ pajjiżna, li kompla jirċievi tifħir u jiġi nnutat minn pajjiżi oħrajn.
Fost l-oħrajn, dan l-artiklu jinnota x-xiri aggressiv li kellha Malta tal-vaċċin u l-proċess mgħaġġel ta’ tilqim ta’ Malta li issa laqqmet aktar minn mija u erbgħin elf ruħ b’min tal-inqas doża waħda tal-vaċċin għall-Covid-19.
Il-midja fil-Lussemburgu qalet li r-rata ta’ tilqim ta’ Malta tiżboq bid-doppju dik tal-Lussemburgu.
Issemma kif f’Malta għal kull mitt persuna ngħataw 32 doża, filwaqt li l-medja Ewropea hija ta’ 12-il doża, waqt li dik tal-Lussemburgu hija ta’ 11-il doża.
Intqal ukoll kif il-Lussemburgu huwa r-raba’ l-inqas pajjiż li laqqam nies fl-Unjoni Ewropea.
Dan il-ġurnal semma kif f’pajjiżna hemm erbgħin ċentru ta’ vaċċinazzjoni, filwaqt li fil-Lussemburgu hemm erba’ ċentri biss fejn jitlaqqmu n-nies għall-Covid-19.