Il-ġurnal the Times, fil-verżjoni online tiegħu, ppubblika korrispondenza elettronika li għaddiet bejn uffiċjali għoljin tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti Dr Olvin Vella jiem sħaħ qabel tħabbret l-aħbar tat-twaqqif taċ-Ċentru u l-ħatra tas-Sinjura Norma Saliba biex tmexxi l-istess Ċentru nhar il-11 t’Awwissu, 2023.
Dan juri li meta Dr Vella lill-mezzi tax-Xandir fl-14 t’Awwissu, 2023 hu qal li la kien jaf dwar it-twaqqif taċ-Ċentru u lanqas dwar l-isem ta’ Norma Saliba huwa kien qed jgħid xi ħaġa li ma kinitx minnha.
Fl-istess kummenti Dr Vella kien faħħar iż-żewġ deċiżjonijiet u ddekriviehom bħala sorpriża sabiħa. Minkejja dan il-Ħamis li għadda, l-istess Dr Vella ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Ministru Bonnici fejn dan allega ma kien jaf b’xejn u li ma ġiex ikkonsultat u allura għax ma kienx konsultat, kollox huwa null u invalidu.
Il-korrispondenza elettronika ppubblikata fil-ġurnal The Times turi li fit-8 ta’ Awwissu, 2023 turi kif is-Segretarja Permanenti tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali s-Sinjura Joyce Dimech għaddiet kopja tal-Avviż Legali li kien għadu f’format draft (mhux iffirmat). Fl-istess korrispondenza elettronika hemm referenza għat-taħditiet li kienu saru dwar is-suġġett fil-jiem ta’ qabel.
Fl-istess artiklu ġiet ippubblikata korrispondenza elettronika oħra, din id-darba bejn l-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Bernice Farrugia u Dr Olvin Vella li seħħet l-għada, jiġifieri fit-9 ta’ Awwissu, 2023. F’din il-korrispondenza l-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni bagħatet it-test lil Dr Vella tal-istqarrija kif kienet se tiġi ppubblikata.
Għad-domanda li għamlet l-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni jekk setgħetx tmexxi, Dr Vella wieġeb: IVA MELA.
Fil-fatt l-Avviż Legali u l-istqarrija ġew ippubblikati fil-11 ta’ Awwissu ta’ wara. Il-ġurnal The Times jgħid li f’ebda mument f’dawn il-jiem kollha ma’ Dr Vella wera xi oġġezzjonijiet jew nuqqas ta’ qbil jew talab li jsiru xi laqgħat.
Anzi jidher li Dr Olvin Vella kien mhux biss ikkonsultat imma wera qbil.
Mhux magħruf għalfejn Dr Vella biddel il-verżjonijiet tliet darbiet. L-ewwel darba meta fil-konsultazzjonijiet interni bejn il-Ministeru u bejnu ma weriex oġġezzjonijiet. It-tieni darba meta qal lill-ġurnali li ma kienx jaf b’xejn imma li kien kuntent. It-tielet darba meta bi protest ġudizzjarju hu qal li ma kien jaf b’xejn u allura kollox hu null u invalidu.
L-għan taċ-Ċentru tal-Malti hu li jippromwovi l-Ilsien Malti u joħloq għodod ġodda li huma bżonnjużi u meħtieġa mmens u li pajjiżi oħra ilhom ħafna li wettquhom.