Biċċa arti monumentali installata fil-belt ta’ Napli maħduma mill-artist u disinjatur Taljan Gaetano Pesce bħalissa tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja minħabba id-dehra tagħha.
Fiha 12-il metru u tissimbolizza il-kostum tradizzjonali tal-karattru Naplitan tas-seklu 17 mill-commedia dell’arte Pulcinella, din il-biċċa arti ġiet mikxufa fil-Pjazza tal-Muniċipju l-Erbgħa mis-sindku tal-belt Gaetano Manfredi.
Iġġib l-isem ta’ Tu si ‘na cosa grande li bin-Naplitan tfisser Inti ħaġa kbira u fiha żewġt iqlub minfuda minn vleġġa li jissimbolizzaw l-imħabba u l-passjoni li huma elementi importanti fil-karattru ta’ Pulcinella.
Iżda l-forma distintiva ta’ din l-istruttura mill-ewwel bdiet tiġi kkomparata mal-organu sesswali maskili b’reazzjonijiet li varjaw minn apprezzament, umoriżmu u rabja biex wieħed ma jsemmiex il-valanga ta’ memes fuq il-mezzi soċjali.
Kunsilliera tal-belt li jiffurmaw parti mill-partit ta’ Giorgia Meloni Fratelli d’Italia, qalu li ma setgħux jemmnu li ġiet esebita ħaġa daqshekk disgustanti u talbu biex is-sindku ta’ Napli jitlob apoloġija liċ-ċittadini.
Minn naħa tiegħu s-sindku Manfredi qal li hu jemmen li l-arti u installazzjonijiet kontemporanji għandhom jiġu diskussi u għalhekk jidher li l-iskop kien qed jintlaħaq. Filfatt il-mezzi soċjali Taljani l-Ħamis kienu mifquha bil-kliem ‘Napoli’, ‘Pesce’ u ‘Pulcinella’.
Però s-sindku ammetta li meta ra dan ix-xogħol għall-ewwel darba huwa wkoll ħaseb dak li kulħadd qed jaħseb. Huwa r-rimarka li l-artist Gaetano Pesce li miet fi New York fl-età ta’ 84 sena f’April li għadda, kien magħruf għax-xogħol kontroversjali tiegħu u għalhekk wieħed ma kienx qed jistenna li din tkun differenti.
Is-sindku sostna li l-idea wara din l-installazzjoni ġdida kienet li turi rappreżentazzjoni stilizzata tar-relazzjoni bejn Pulcinella u l-qlub tan-Naplitani.
In-nefqa totali ta’ dan ix-xogħol inkluż l-installazzjoni u s-sigurtà privata tammonta għal madwar €180,000 li €160,000 minnhom ħarġu mill-fondi reġjonali ta’ Campania immirati għall-kultura.
Din l-installazzjoni ġdida tpoġġiet flok il-Venere degli stracci xogħol ta’ Michelangelo Pistoletto li wkoll kienet fil-mira ta’ kontroversji u li ġiet maħruqa minn vagabond tat-triq.
Ix-xogħol ta’ Pesce, li hu parti mill-programm kulturali ta’ Napli kontemporanja, ser jibqa’ esebit fil-Pjazza tal-Muniċipju sad-19 ta’ Diċembru.