Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-ħames edizzjoni ta’ ‘Għawdex – Arti, Fidi u Tradizzjoni’. Din is-sena, il-programm għal żmien l-Għid se jibda mill-1 ta’ Marzu u jingħalaq nhar Ħadd il-Għid, fl-1 ta’ April 2018.
Il-Ministru Justyne Caruana tenniet kif il-progamm ‘L-Għid f’Għawdex’ sar parti mill-kalendarju kulturali vast li joffri Għawdex. Hija qalet li Għawdex kull ma jmur qed jinbidel f’destinazzjoni attraenti matul is-sena kollha, u mhux b’inqas f’dawn iż-żminijiet fejn il-gżira toffri esperjenza unika. Il-Ministru semmiet fost oħrajn id-diversi funzjonijiet li se jsiru ġewwa l-knejjes, il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira bi statwi artistiċi uniċi, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir, kif ukoll għadd ta’ kunċerti ta’ mużika sagra u musical. Ser ikun hemm ukoll għadd ta’ esebizzjonijiet ta’ arti viżiva kif ukoll attivitajiet għat-tfal.
Dan il-programm ġie ppreżentat f’pubblikazzjoni ta’ fuljett informattiv bl-attivitajiet kollha li jsiru ġewwa Għawdex matul dan iż-żmien.
Il-Ministru Caruana semmiet ukoll kif Għawdex se jkun qed jilbes libsa partikolari għal dan iż-żmien tas-sena. Ftit min dan it-tiżjin sar minn persuni b’diżabilità li jattendu fiċ-ċentru ta’ matul il-jum ta’ Santa Marta, kif ukoll mill-anzjani li jattendu għall-programmi fil-komunità. B’hekk qiegħda tiġi nkluża firxa wiesgħa ta’ nies u parteċipanti u jkun qed jiġi msaħħaħ il-kunċett tal-inklużjoni.
Il-programm jista’ jinkiseb minn fuq is-sit www.visitgozo.com jew mill-paġna ta’ Facebook ‘Easter in Gozo’.