Artan Coku ta’ tletin sena mill-Albanija ingħata sentenza ta’ erba’ snin priġunerija flimkien ma’ multa ta’ erbatax-il elf u ħames mitt ewro, wara li ammetta li kien kompliċi f’hold-up minn Diamonds International f’Ottubru tal-elfejn u sbatax.
Huwa ammetta li għen fil-pjan tal-hold-up, liema hold-up allegatament kienu nvoluti Daniel Muka, Begtash Muka u Ramazan Hysa, fejn huma mixlija li serqu aktar minn tliet mija u tlieta u tletin elf ewro f’dehbijiet u ġojjelli.
Hawn Coku xehed li l-oġġetti misruqa kellhom jittieħdu lejn Bari biex jinbiegħu fl-Albanija.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace rat ukoll tliet stqarrijiet tal-imputat, u l-Ispettur Mark Mercieca stqarr fil-Qorti li huwa kkopera kompletament mal-Pulizija, u anka kien strumentali biex tinstab arma li ntużat waqt ir-reat.
Fl-istqarrijiet ta’ Coku, huwa xehed li Daniel Muka kien il-moħħ wara s-serqa, li kienet ilha tiġi pjanata minn tal-inqas sitt xhur. L-imputat stqarr li Muka qallu biex imur Tigne biex jagħti sinjal lill-ħallelin l-oħra biex jgħidilhom li l-ħanut kien miftuħ, u huwa mar fuq il-post b’tal-linja.
Minkejja dan, Coku qal li meta wasal, il-hold-up kienet diġà saret, hekk kif ra persuna mal-art quddiem il-bieb.
L-imputat stqarr li Muka pjana s-serqa għax familtu kellha dejn sinifikanti, u kien hemm min ried joqtollu lill-familja fl-Albanija.
Il-Qorti, wara li kkunsidrat is-serjetà tar-reat u l-koperazzjoni mal-Pulizija, ikkundannatu għal erba’ snin priġunerija, filwaqt li ordnat li jħallas terz tal-ispiża tal-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.