Ġie ffirmat ftehim li se jittrasferixxi art tal-Gvern fil-Mosta lil Puttinu Cares u l-Fondazzjoni Richmond biex iwettqu żewġ proġetti li se jissarrfu f’servizz aqwa lill-familji Maltin u Għawdxin.
It-trasferiment tal-art se jwitti t-triq biex il-Fondazzjoni Richmond ikollha binja li minnha toffri servizzi komunitarji ta’ saħħa mentali lil żgħażagħ ta’ bejn l-erbatax u l-erbgħa u għoxrin sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Stephania Dimech Sant qalet li b’dan il-proġett, Richmond se tkompli tilqa’ għall-bżonnijiet tas-saħħa mentali fis-soċjetà.
Qalet, “Aħna ħerqanin li jkollna dan iċ-ċentru anki biex naħdmu b’mod speċjali maż-żgħażagħ li għandhom bżonn intervent minn kmieni biex ikunu jistgħu jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba minkejja l-problemi ta’ saħħa mentali li jkollhom.”
Għal Puttinu Cares, dan il-ftehim se jfisser proġett ta’ servizz aktar ħolistiku lill-pazjenti qabel, waqt u anki wara li tintemm il-kura għall-marda tal-kanċer.
Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri spjegat li fl-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-organizzazzjoni, Puttinu fl-aħħar se jkollu binja uffiċjali li tagħti dinjità lill-pazjenti.
Qalet, “Mill-esperjenza tagħna, għandna familji li jekk ma ngħinuhomx u ma nkunux magħhom, jispiċċaw li f’din is-sitwazzjoni, tant tkun diffiċli għalihom li jispiċċaw ma jkunux jafu għand min se jduru għas-sapport u għalhekk aħna importanti li nimxu magħhom f’din it-triq mill-bidu sal-aħħar u dak se jkun l-għan ta’ din il-binja.”
Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr ħlas u allura din l-għajnuna se tiswihom mitqlu deheb.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, li ddeskrivieh bħala investiment ieħor fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Saħaq fuq il-bżonn li l-familji jsibu Gvern bir-riżorsi li jista’ jsostni organizzazzjonijiet bħal Puttinu u Richmond biex ikomplu jwettqu l-ġid.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri tkellem dwar il-ħidma tal-Awtorità tal-Artijiet biex ġiet identifikata din l-art għal dawn l-organizzazzjonijiet, biex ikunu jistgħu jsaħħu l-operat tagħhom u ċ-ċittadini jinqdew aħjar.