L-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ffirmaw ftehim li, permezz tiegħu, se tkun qed tgħaddi art fil-qalba ta’ Birżebbuġa biswit l-iskola biex jinbena Ċentru Ċiviku.
Għal dan l-iffirmar kien hemm preżenti l-Ministru għall-Artijiet u għall-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.
Hu qal li, b’dan il-proġett, se tgawdi l-komunità kollha ta’ Birżebbuġa.
“Dawn huma żewġ faċilitajiet li jagħtu servizzi aqwa lil min jgħix f’din il-lokalità, kif ukoll inkomplu nagħtu aktar faċilitajiet biex il-Kunsill Lokali jkun jista’ jagħti servizzi mill-aqwa. Hu ftehim importanti li warajh se jsegwu numru ta’ inizjattivi biex b’hekk dan il-proġett, li ilu maħsub, jibda jsir realtà.”
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri laqa’ dan l-iżvilupp għall-ġid tal-komunità.
“Dan il-ftehim hu l-ewwel pass biex Birżebbuġa jkollha Ċentru Ċiviku li jinkludi fih Berġa tas-Saħħa kif ukoll librerija pubblika moderna. Dawn is-servizzi sal-lum il-ġurnata għadhom nieqsa fil-komunità tagħna u b’hekk b’dan il-ftehim se nkunu qegħdin għaddejjin b’ħidma biex ikunu qegħdin jidħlu fis-seħħ fis-snin li ġejjin ukoll.”