L-art li fuqha nbena l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra li hi stmata li tiswa ħmistax il-miljun ewro – ngħatat bla ebda obbligu ta’ ħlas minn Gvern Nazzjonalista lill-kuntrattur lura fl-elfejn u ħdax.
Dan joħroġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra l-Erbgħa filgħaxija.Fir-rapport tiegħu l-awditur jgħid li l-art ingħatat għal ħamsin sena mingħajr ebda obligu ta’ ħlas mill-kuntrattur għall-proġett semi-kummerċjali. Il-proġett sewa 31 miljun ewro li 20 fil-mija tal-kapital inħareġ mill-kuntrattur li qed jopera l-kumpless.
L-Awditur Ġenerali sab li l-art ntgħażlet mill-kuntratur u ngħatatlu mill-Gvern b’konċessjoni bla kera għal ħamsin sena bi ftehim bejn il-kuntrattur u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Fil-verifika li saret, jingħad li l-awditur jistma din l-art b’valur ta’ dsatax il-ewro għal kull metru kwadru, waqt li l-awtorità ta’ dak iż-żmien li kienet fir-responsabbiltà politika tal-eks ministru Nazzjonalista Mario De Marco stmatha b’inqas minn sitt ewro għal kull metru kwadru.
L-Awditur Charles Deguara qal li f’xi każijiet il-qafas tal-kuntratt ma ħarisx b’mod sħiħ l-interessi tal-Gvern fil-futur. Dan għax il-konċessjoni ta’ ħamsin sena hija twila wisq u ttellef il-Gvern milli jagħmel reviżjoni tal-ftehim aktar spiss.
Is-Sur Deguara jinnota wkoll żbilanċ finanzjarju favur il-kuntrattur għall-fatt li l-kuntratt ma ħasibx li jista’ jkun hemm titjib sostanzjali fit-turiżmu u fl-ekonomija u għalhekk id-dħul mill-proġett kien ser jikber.