Art f’Ħal Luqa li ilha għexieren ta’ snin tintuża bħala miżbla ta’ se tiġi rijabilitata għall-skopijiet oħra, grazzi għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Malta Industrial Parks u Wasteserv. L-art li għandha medda ta’ madwar 85,000 metru kwadru u tinsab viċin iż-żona industrijali tal-Marsa u fuqha se jitwettaq dan il-proġett ta’ rijabilitazzjoni li mistenni jitlesta fi żmien sentejn.
Dan il-proġett ser ikun pilota, li jintroduċi attivitajiet bħal “landfill mining,” fejn żoni differenti fil-miżbla jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba li jkunu jeħtieġu metodoloġija ta’ trattament differenti.
Ser ikun hemm ukoll koordinazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet sabiex jaqsmu l-għarfien li għandhom f’dan ir-rigward, li ser iwassal sabiex japplikaw l-istess sistemi f’siti oħra taħt ir-responsabilità tagħhom. Ftit qabel l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji Żgħar Chris Cardona, saħaq kif huwa d-dover tal-Gvern li din l-art pubblika, b’valur li jilħaq kważi disgħin miljun ewro tintuża għal skopijiet siewja, li jkunu ta’ benefiċċju għal poplu kif ukoll għall-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera sostna li din l-art ser tiġi riġenerata għal skop ta’ afforestazzjoni, faċilitajiet sportivi u industrijalizzazzjoni b’infrastruttura ħadra.