Art kbira li kienet destinata għal żvilupp industrijali f’Ħal Far tista’ potenzjalment tiġi mibdula biex issir buffer zone li tissalvagwardja ż-żona ta’ Natura 2000 ta’ biswitha, wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet abbozz ta’ reviżjoni tal-policy għal dan is-sit.
L-Awtorità tal-Ippjanar fi stqarrija qalet li l-iskop primarju wara din ir-reviżjoni tal-policy huwa li żvilupp industrijali jinżamm kemm jista’ jkun ’il bogħod miż-żona ta’ valur ambjentali għoli għaliex jista’ jagħmel ħsara.
L-Awtorità qiegħda tipproponi wkoll li żona żgħira ta’ art tkun destinata għal sports b’impatt baxx. Is-sit jinsab biswit l-irdumijiet kostali tal-Punent tal-Gżejjer Maltin qrib Wied Żnuber.
Dawn l-irdumijiet, inkluż Wied Żnuber, huma parti minn sit akbar ta’ Natura 2000, liema żona hija protetta għall-importanza ekoloġika u l-valur għoli tal-pajsaġġ tagħha.
Ir-reviżjoni tal-policy proposta tal-Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta għal żona industrijali ta’ Ħal Far, flimkien mas-sottomissjonijiet li waslu matul l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni, jinsabu fuq il-website tal-Awtorità www.pa.org.mt/consultation.
L-Awtorità tistieden individwi u organizzazzjonijiet biex jibagħtu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom dwar din ir-reviżjoni tal-policy permezz tal-indirizz elettroniku: halfar.review@pa.org.mt
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand l-Awtorità sa mhux aktar tard mit-24 ta’ Lulju 2024.