Wara stennija ta’ aktar minn tletin sena, il-klabb tal-futbol Għawdxi, Victoria Wanderers, se jibbenifika minn art ġdida biex ikun jista’ jiżviluppa l-faċilitajiet sportivi tiegħu, wara li l-Gvern għaddielu tliet mija u ħamsa u għoxrin metru kwadru ta’ art fir-Rabat Għawdex b’ċens ta’ ħamsa u erbgħin sena.
Din l-art se sservi ta’ spazju għal diversi faċilitajiet fosthom gym, showers u dressing rooms għall-atleti.
Il-President tal-Klabb, Brian Azzopardi spjega li hemm seba’ timijiet fi ħdan il-klabb li issa se jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-faċilitajiet.
Qal kif, “Għalina din hija ġurnata storika għaliex iġġib fi tmiemha mixja ta’ tletin sena biex finalment il-klabb tal-SK Victoria Wanderers ikollu premises diċenti fejn ikun jista’ jilqa’ d-diversi timijiet li hemm fi ħdanu.”
Preżenti għall-iffirmar ta’ din l-art kien hemm il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima li tkellmu dwar l-importanza ta’ proġetti bħal dawn biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet sportivi.
Qal li, “Huwa għalhekk propju illi qiegħdin ngħinu lil dawn l-għaqdiet sportivi billi ntuhom l-għodda sabiex ikomplu jeżistu, anzi jkomplu jikbru u anke jiffruwixxu.”
Lil hinn minn dan il-proġett, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar kif bħalissa għaddejja r-rikostruzzjoni taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv li fost l-oħrajn se jinkludi pixxina olimpika.
Spjega li, “Il-ġimgħa li għaddiet ħabbarna l-bidu tal-proġett taċ-ċentru akwatiku u sportiv ġewwa l-belt ta’ Victoria wkoll, b’investiment ta’ disa’ miljun Ewro”
B’dawn il-proġetti, il-Gvern qed jibgħat messaġġ b’saħħtu li jemmen fid-diversi dixxiplini sportivi, filwaqt li qed jagħti spazju lill-atleti biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom.