Inizjattiva ta’ Thomas Gatt, tfajjel ta’ 12-il sena, se twassal biex art f’żona tal-iżvilupp fis-Swieqi se tinbidel fi spazju miftuħ għat-tgawdija ta’ tfal oħra u għall-bqija tal-komunità tas-Swieqi.
L-art ta’ madwar 450 metru kwadru ġiet mgħoddija mill-Awtorità għall-Artijiet lil Project Green u, waqt laqgħa mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi, Thomas u l-ġenituri tiegħu spjegaw kif minn dejjem kellu għal qalbu l-ambjent u ried ikun attiv bl-involviment tiegħu.

B’hekk nibtet l-idea tal-għaqda volontarja Making Malta Beautiful Again, biex Thomas ikun jista’ jħeġġeġ tfal oħrajn, bħalu, imiddu idejhom u jikkontribwixxu għal ambjent isbaħ.
L-art fis-Swieqi tinsab fiż-żona tal-iżvilupp u viċin il-knisja parrokkjali, biex b’hekk tkun eqreb tal-komunità.
“So my idea was to borrow a piece of land from the government and to embellish it to make a beautiful green area in nature, created and maintained by the surrounded community but also for the community to enjoy.”
Thomas Gatt, il-moħħ wara l-idea
Il-Ministru Dalli qalet li kull spazju miftuħ li noħolqu jew nirriġeneraw għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunità tal-madwar.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li, bl-għajnuna ta’ perit tal-istess aġenzija, Thomas se jkun qed joħloq id-disinn tal-ġnien, biex wara jingħata bidu għall-proċess tal-implimentazzjoni tal-proġett.