Art fil-Qajjenza fil-limiti ta’ Birżebbuġa, li kienet ġiet esproprjata mill-Gvern Nazzjonalista fl-2012 trid tiġi ritornata lis-sidien sa nofs Jannar li ġej.
Dan wara li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lil Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien talli esproprja art mingħajr ma wera mqar biċċa evidenza li għamel dik l-esproprjazzjoni fl-interess pubbliku.
Kemm il-darba l-Gvern ma jirritornax l-art ta’ daqs ta’ ftit aktar minn ħames mitt metru kwadru, il-Gvern jiġi mmultat.
L-art trijangulari kienet ittieħdet mill-Gvern Nazzjonalista f’April ta’ tmien snin ilu sabiex ikun hemm impjant tal-Enemalta fejn jiġi maħżun il-gass fiċ-ċilindri iżda l-operat ta’ dan l-impjant waqaf tliet xhur biss wara li ġiet esproprjata l-art.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem qalet li l-ebda xhud fil-każ ma wera prova għalfejn din l-art imbagħad inżammet mill-Gvern.
Dan il-każ ta’ esproprjazzjoni huwa wieħed minn sensiela ta’ każijiet ta’ esproprjazzjoni li sar lill-istess sidien fuq artijiet fiż-żona tal-Qajjenza.
Fil-fatt fix-xhur li għaddew, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lil Gvern Malti biex iħallas €60,000 lill-familija wara li sabitu ħati bi ksur ta’ drittijiet tal-bniedem dwar art fil-Qajjenza Birżebbuġa li tgħajjat lill-familja.
Liema art kienet ġiet esproprjata fl-2012 fuq art li kienet diġà esproprijata mill-istess familja fis-snin sebgħin u tmenin.
L-art meħuda kienet ta’ daqs ta’ sitt mija u tmienja u erbgħin metru kwadru.
Il-familja, li hija sid tal-art kien qalet li l-art kienet ittieħdet biex twaqqa’ l-valur tal-art inkwistjoni.