L-aġenzija Project Green irċeviet l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar għal spazju miftuħ fi Triq Nerik Scerri, f’Ħal Kirkop. Dan wara li l-Awtorità għall-Artijiet għaddiet dan is-sit, flimkien ma’ tlieta oħrajn f’Ħal Lija, f’Ħal Luqa u f’San Ġiljan, lil Project Green biex tiżviluppahom fi spazji ħodor.
Ladarba jibda x-xogħol f’dan l-ispazju miftuħ, iż-żona ta’ elf u sitt mitt metru kwadru se tinbidel biex tilqa’ fiha 300 familja f’inqas minn għaxar minuti mixi, b’tisbiħ li jinkludi t-tħawwil ta’ 60 siġra u passaġġi ekoloġiċi tajbin anke għaċ-ċikliżmu.
Project Green, li bħalissa qed taħdem fuq 118-il proġett ta’ spazju miftuħ, tistma li 75% tal-materjali se jkunu sostenibbli u se jinbena ġibjun għall-irrigazzjoni.