Ingħata bidu għalI-festival artistiku Art Explora li mistenni jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Marzu li ġej fix-Xatt ta’ Pinto, fil-Waterfront. L-attrazzjoni ewlenija tal-festival hu katamaran, li ġie ttrasformat fl-ewwel dgħajsa-mużew fid-dinja bl-ewwel waqfa tiegħu tkun proprju fostna.
Dan il-bastiment mill-isbaħ, b’kapaċità li jilqa’ sa 2,000 viżitatur kuljum, juri l-konverġenza tal-arti, it-teknoloġija u l-involviment tal-komunità.
Mibni fl-Italja, dan joffri esperjenza immersiva għal dawk kollha li jitilgħu abbord f’waħda mill-inizjattivi ewlenin b’kollaborazzjoni mal-mużew rinomat Franċiż ta’ Louvre.
Dan l-avveniment uniku ta’ għaxart ijiem, li qed jiġbor flimkien artisti Maltin u barranin, għandu l-għan li jippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali, il-ġustizzja soċjali u l-benesseri personali permezz ta’ għażla varjata ta’ programmi.
Minn film għal żfin, arti taċ-ċirku għal mużika u arti viżiva, il-festival joffri aktar minn 30 inizjattiva u 55 attività permezz ta’ mezzi differenti biex il-pubbliku jinvolvi ruħu magħhom.
Il-festival se joffri wkoll workshops, imfassla għat-tfal ta’ etajiet minn sitta sa 11-il sena, li jieħdu ispirazzjoni mill-artifatti tal-Louvre waqt li jippromwovi l-involviment attiv u t-tagħlim parteċipattiv.
Minbarra hekk, il-festival se jospita wkoll il-Fora Ktieb Miftuħ, li hu spazju inklussiv, fejn individwi jaqsmu stejjer u jesploraw kwistjonijiet soċjali kontemporanji u jkompli jsaħħaħ il-missjoni tal-festival li jippromwovi d-djalogu u l-azzjoni fuq kwistjonijiet globali urġenti.