Hekk kif kien imwiegħed mill-Gvern, art ta’ madwar mija, sitta u għoxrin elf (126,000) metru kwadru jew l-ekwivalenti ta’ madwar 18-il grawnd tal-futbol, li kienet indikata għall-iżvilupp industrijali f’Bulebel, se tibqa’ art agrikola.
Dan juri l-impenn tal-Gvern li, kif iddikjarat anke fil-Viżjoni Malta 2050, qed jinstab bilanċ bejn l-interessi kummerċjali u l-wirt naturali ta’ pajjiżna.
Dan permezz ta’ ftehim fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, u dak għall-Ekonomija, Silvio Schembri, biex din l-art għaddiet mill-INDIS lura għand l-Awtorità tal-Artijiet.
Din l-art t’aktar minn 112-il tomna se tibqa’ disponibbli għall-bdiewa biex ikomplu jipproduċu prodotti lokali. Minbarra l-valur agrikolu, din iż-żona għandha wkoll valur kulturali minħabba l-possibilità ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, li jista’ jkun hemm.
Il-ftehim intlaħaq b’kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Ministeri biex jiġi żgurat futur aħjar għall-art u l-ambjent Malti.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan il-pass hu xhieda tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jissalvagwardja l-karattru ta’ pajjiżna u tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Wara li saret l-analiżi kollha ġie determinat li din l-art għandha tibqa’ tintuża għal skop agrikolu u, għalhekk, l-Awtorità tal-Artijiet se tkun qegħda tara li din tibqa’ tintuża mill-bdiewa li jaħdmuha.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Schembri sostna li l-Gvern qed iwettaq dak li wiegħed fejn jidħol il-bilanċ biex il-pajjiż jibqa’ reżiljenti, anke kif tħabbar fil-Viżjoni Malta 2050.
“Minkejja l-isfida kbira li għandna biex nakkomodaw investiment dirett barrani, biex insibulhom artijiet industrijali, bħala Gvern, konna tajna kelma li din iż-żona, li hi fil-fatt indirizzat biex issir żona industrijali u jinbnew fabbriki, konna tajna kelma lil dawn il-bdiewa li jaħdmu dawn l-għelieqi li fil-fatt din ħa tkun ħa tinżamm biex dik ikomplu jaħdmuha.”
Il-Ministru Silvio Schembri
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun laqa’ dan il-ftehim, bil-Viċi Sindku Raymond Caruana sostna li l-wegħda li saret maż-Żwieten issa saret realtà.
Din l-art f’Bulebel issa se tkun amministrata mill-Awtorità tal-Artijiet biex tkun żgurata l-kontinwità tal-produzzjoni agrikola, b’kera ġusta li tirrifletti r-realtajiet ekonomiċi tal-lum.
Għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti tal-Awtorità tal-Artijiet u l-Kap Eżekuttiv tal-INDIS Malta, Jean Pierre Attard.