Arsema, it-tifla ta’ seba’ snin li sena u nofs ilu nħatfet minn ommha u kienet instabet qawwija u sħiħa fl-Ingilterra, irritornat lejn pajjiżna matul il-ġurnata tat-Tlieta.
Din l-aħbar sabiħa tħabbret mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Falzon qal kif it-tifla ġiet lura wara li kien hemm każ quddiem il-Qorti Ingliża u spjega kif l-aġenzija Appoġġ ħadet ħsieb li issa t-tifla Arsema għandha post fejn tgħix b’mod sigur.
Qal ukoll kif dan il-każ wassal biex inbidlet il-liġi għal ħarsien tal-minuri.
Qal, “Juri biċ-ċar l-impenn tagħna bħala Gvern, bħala amministrazzjoni u pajjiż illi l-liġi tiġi mħarsa. Ġie pruvat illi t-tneħħija minn pajjiżha minn ommha kien xi ħaġa llegali u aħna ħdimna sew minn aspett legali u anki mill-aspett fattwali, illi llum it-tifla ġiet lura u issa qegħda ġo placement.”
L-Avukat f’dan il-każ Dr Andy Ellul spjega kif din it-tifla kienet ġiet fostered għal sitt snin u nofs wara li ma baqgħetx tgħix mal-omm bijoloġika tagħha.
Wara dan iż-żmien, ommha bijoloġika bdiet tara lil Arsema fi tmiem il-ġimgħa u fl-ewwel tmiem il-ġimgħa li ħaditha, ħarbet biha.
Hawnhekk ġie spjegat li ħarbet biha lejn Franza b’passaport ta’ tifla oħra u minn hemm marret lejn l-Ingilterra, fejn eventwalment instabet.
Qal, “Il-każ beda minn quddiem il-Qrati Malti, fejn tlabnihom jiddikjaraw li dak li għamlet l-omm bijoloġika kien jikkonsistwixxi ħtif, abduction. Imbagħad ovvjament dik id-deċiżjoni Maltija morna quddiem ir-Royal Court of Justice ġewwa Londra, fejn applikajna l-applikazzjoni tal-AIA biex beda l-proċess biex it-tifla tiġi ritornata lejn pajjiżha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti spjega li din l-aħbar tal-lum saret wara ħidma bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Ingliżi.