Arron Banks, li kien parti minn kampanja favur Brexit, se jkun qed jiġi investigat mill-Aġenzija Ingliża tal-Kriminalità.
Banks u Liz Bilney ġew referuti lill-Aġenżija tal-Kriminalità mill-Kommissjoni Elettorali Ingliża.
L-investigazzjoni se tkun qegħda ssir hekk kif żewġ miljun sterlina kien imsellfa lil Better for the Country li mexxiet il-kampanja Leave.EU, li kollha kienu favur il-kampanja ta’ Brexit. Allegatament f’dan it-trasferiment hemm involut is-Sur Banks u l-kumpanija tal-insurance tiegħu.
Barra minn hekk, kien hemm sitt miljun sterlina oħra li ngħataw mill-organizzjoni lil Leave.EU, bit-trasferiment isir mis-Sur Banks waħdu.
Arron Banks ċaħad dawn l-allegazzjonijiet filwaqt li aċċetta u laqa’ lill-Aġenżija tal-Kriminalità biex tinvestigah.