Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li d-dagħdiha ta’ arroganza tal-Kap tal-Oppożizzjoni u dawk ta’ madwaru ssoktat dalgħodu b’mozzjoni li ppreżenta l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami msejsa biex tisfida lill-ispeaker wara li sab lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħati ta’ gidba fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici.
Il-PL qal li l-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil qed tkompli tikkonferma ma’ kull jum li jgħaddi li li trid treġġa’ l-arloġġ lura għall-arroganza ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, meta qed juru li jaqblu u jużaw l-istituzzjonijiet biss meta dawn jgħidu dak li jogħġobhom.
Tennew li l-arroganza li llum kienet immanifestata minn Beppe Fenech Adami iswed fuq l-abjad, hija l-istess arroganza li l-poplu ma jridx li nerġgħu mmorru lura għaliha, iżda jidher li Simon Busuttil u sħabu qed jibqgħu jippersistu fiha għax ma jafux jagħmlu mod ieħor. L-istqarrija temmet tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni u dawk ta’ madwaru huma politiċi elite, u parti mill-establishment li għadhom imwaħħlin mal-passat u li jriduna li nerġħu mmorru għalih.