Fl-aħħar seduta parlamentari qabel il-waqfa għall-btajjel tas-sajf, il-Parlament approva bidla fil-kundizzjonijiet fuq art privata li ilha għand il-Fortina f’Tas-Sliema għal għexieren ta’ snin.
Il-konċessjoni għat-tibdil fil-kundizzjonijiet saret wara evalwazzjoni retta minn tliet periti li stmaw prezz ta’ ftit aktar minn tmien miljun ewro li se jdaħħal il-pajjiż.
B’dan it-tibdil approvat issa se jkun hemm inkluż ukoll il-proġett tal-lukanda l-ġdida tal-Fortina.
Iżda fil-Parlament l-Oppożizzjoni vvutat kontra dan fuq art kollha privata kif iddikjara wkoll li se jagħmel il-Viċi-Kap Nazzjonalista Robert Arrigo.
“Jiena nixtieq niddikjara imma wkoll l-interess għaliex għandi oħti miżżewġa lil tal-Fortina.”
Din id-dikjarazzjoni ta’ Arrigo ġibdet l-attenzjoni tad-deputat Laburista Alex Muscat.
“Ħa jivvota kontra bħal donnu fuq kwistjoni ta’ prinċipju. Jiena jekk ġie jitkellem hawnhekk fuq l-issues familjari naħseb l-Onor. Arrigo missu kien onest u qalilna l-verità kollha tal-istampa. Mhux ġie hawnhekk u jgħid dak li jaqbillu.”
Meta kompliet id-diskussjoni qabel il-vot, reġa’ ġibed l-attenzjoni fuq dak li qal Muscat, il-Ministru responsabbli mill-Artijiet Ian Borg, li saħaq kif Arrigo qed tuġgħu żaqqu u ħa jivvota kontra dak li jista’ jgawdi minnu l-pajjiż.
Fil-pront qam Arrigo, li oħroġ il-għaġeb ikkontradixxa dak li kien għadu kif qal, litteralment ftit minuti qabel.
“Jiena ma kelliex, ma kelliex, ma kelliex u m’għandiex l-ebda kunflitt ta’ interess.”
U jekk dan ma kienx biżżejjed, qam b’ħanġra daqsiex il-Kap tal-Oppożizzjoni.
“L-Onor. Borg għamel insinwazzjoni fuq l-Onor. Arrigo jew jissosstanzja jew jirtiraha issa.”
U biex l-affarijiet jitgħaxxqu iktar, anki jekk qatt ma kien hemm dubju minn dak li qal Robert Arrigo fil-bidu u dak li kkontradixxa wara, l-Ispeaker ikkonferma dak li fil-Partit Nazzjonalista ilu jippersisti.
“Jiena ppresedejt is-seduta kollha u l-Onor. Arrigo ġustament qal li għandu kunflitt ta’ interess u ħa jivvota kontra, kompli bid-diskors tiegħek jekk jogħġobkom.” “Grazzi Sur President li qed tikkonferma li kien l-Onor. Arrigo li qal li għandu kunflitt ta’ interess u qal li illi non ho stante li hemm familjari, oħtu involuta, hu se jivvota kontra. Issa jien qed ngħid li l-Onor. Muscat qallu, rightly so, kellu jagħti l-istampa kollha mhux bħalikieku tant tuġgħu qalbu għall-pajjiż illi xorta ħa jivvota kontra u nieqaf hemm, nieqaf hemm, m’għandiex x’nissosstanzja.”
Intant wara dawn l-episodji kkuluriti qabel mal-Parlament aġġorna, l-Oppożizzjoni permezz tad-deputat Ryan Callus li saħanistra huwa membru fil-bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet ippruvat titfa’ dubji fuq l-integrità tal-proċess tal-evalwazzjoni fuq l-art inkwistjoni.
Proċess li l-Gvern ntrefa’ ‘l fuq minnu u ħallih f’idejn tliet Periti indipendenti li jgawdu r-rispett ta’ kullħadd.