Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo reġa’ ftaħar b’aktar minn 500 ċedola li ffirma l-Partit Nazzjonalista.
Robert Arrigo għamel dan fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista hekk kif ftaħar li f’3 ġimgħat irnexxielu jiffirma aktar minn 100 ċedola.
Saħansitra qal li wara l-intervista kien se jmur fl-uffiċċju tiegħu sabiex jiffirma iktar.
Arrigo qal: “F’dawn it-3 ġimgħat aħna ffirmajna iżjed minn 100 kuntratt. Illum għadni kemm iffirmajt number 501, qbiżna l-500 u llejla għandi xi tnejn oħra. Għaddejin.”
L-iskema sigrieta taċ-ċedoli hija waħda li qed tiffinanzja d-dejn kbir li għandu bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Skema li tgħaddi baxx baxx mil-liġi tal-finanzjament tal-Partit.
Fil-fatt Arrigo stess ikkonferma dan: “Ma jagħmlux parti mill-liġi tal-finanzjament tal-Partiti allura mhumiex, dik hija xi ħaġa bejn min qed jagħmel il-kuntratt u bejn il-partit biss.”
Fl-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia intensifika fil-ħidma fuq l-iskema sigrieta taċ-ċedoli hekk kif neħħa wkoll il-massimu ta’ €10,000 fi flus li jingħataw f’ċedoli.
B’hekk biex jirreklama aħjar din l-iskema sigrieta, skont Arrigo l-Partit Nazzjonalista huwa iktar flessibbli.
Arrigo spjega: “Qegħdin ħafna flexible anke aħna l-ammonti wieħed kif jixtieq hu.”
Il-ftaħir ta’ Arrigo mhuwiex leħen jidwi f’deżert. Propju waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ftaħar kif qed jiġu ffirmati ċedola wara oħra.
Agius ftaħar: “U jiena nara lil Francis Zammit Dimech u lil Robert Arrigo jiffirmaw ċedola wara ċedola ġo dawn l-uffiċċji tad-Dar Ċentrali.”
Minkejja dan il-ftaħir il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Adrian Delia baqa’ qatt ma ppubblika l-lista ta’ nies li qed jagħtu l-miljuni lill-Partit tal-Maduma.
Dan minkejja l-kliem tiegħu favur it-trasparenza.
Meta kien affaċċjat: “Forsi la darba qed nifhmek li mhux se tippubblikaha din il-lista.
“Le ma nistax mhux m’iniex.”