Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo kompla mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jiddefendi l-aġir tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi li fetaħ kwerela kontra l-Prim Ministru, il-Brigadier u s-suldati fejn akkużhom bi qtil volontarju ta’ immigranti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet staqsejnih dwar l-aġir t’Azzopardi, fejn dan tal-aħħar kien qalilna ċar u tond li ma jagħmel apoloġija qatt u xejn.
Meta mistoqsi: “Insellmilkom għandi mistoqsija għalik Sur Arrigo. Ftit tal-jiem ilu fuq is-siġġu tiegħek, Jason Azzopardi qalilna li ma jagħmel apoloġija qatt u xejn għall-kwerela li fetaħ kontra l-Armata fejn akkużhom bi qtil volontarju ta’ immigranti. Inti tagħmel bħalu, ma jiddispjaċikx li kelliem tal-Oppożizzjoni (inti Viċi-Kap) wettaq dan l-aġir?”
Għal din id-domanda, Arrigo qalilna li l-kelliem tal-Oppożizzjoni għandu dritt bħala avukat.
Arrigo wieġeb: “Naħseb li Dr Azzopardi ġa spjega ruħu u spjega ruħu anki magħna, ġie jispjega ruħu anki magħna fejn hu aġixxa bħala l-avukat u għandu dritt tal-avukat.”
Arrigo mhux biss ħareġ għonqu għal dak li għamel Jason Azzopardi iżda imbagħad fost suġġerimenti li tawh Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina li pruvaw jaqilgħuh mill-morsa li daħal fiha, benġielha u qal li d-deputat Nazzjonalista tar-raba’ distrett irrinunzja ruħu mill-kwerela li fetaħ.
Arrigo qal: “Dik il-kelma tal-avukati, għall-inkarigu li kellu. M’iniex avukat allura rrid insaqsi għall-għajnuna taż-żewġ avukati li għandi hawnhekk.”
Jason Azzopardi prova jaħrab mill-akkużi li għamel wara li qal li rrinunzja ruħu mill-każ.Intant Robert Arrigo għalaq il-konferenza tal-aħbarijiet hekk, fid-dawl li stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir kien wera li l-udjenza ta’ ONE News hija t-tripplu ta’ NET News.
Arrigo qal: “Nirringrazzjakom, komplu segwu n-NET jekk nista’ ngħidha.”