Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil pruvat tieħu taħt idea lill-midja tal-Partit Nazzjonalista l-MEDIA LINK f’tentattiv ieħor li jkollha vantaġġ fl-elezzjoni għal Kap li jmiss.
Qal dan id-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo waqt il-programm Realtà fuq l-istazzjon Nazzjonali hekk kif spjega li l-Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon Nazzjonalista irċieva e-mail biex il-midja tal-Partit Nazzjonalista tingħaqad ma’ nies differenti.
Huwa qal: “Kien hemm email ukoll lill-head of news tagħna fejn xi ħadd staqsieh li l-midja trid tkun taħt dak jew taħt l-ieħor.”
Arrigo indika wkoll li l-messaġġi mill-Grupp PN+ li fuqu hemm investigazzjoni għaddejja mill-Pulizija, kienu ġejjin minn esponenti ewlenin mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Meta kien mistoqsi: “Għandek idea minn fejn ħarġu?”
Arrigo wieġeb: “Dawn ħarġu minn numru. In-numru qiegħed hemmek u n-numru ħa jkun qiegħed taħt investigazzjoni.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Jiġifieri n-numru tafu liem hu. Tafu lil min jgħajjat dan in-number?”
Arrigo sostna: “Eżatt. Dak mhux jien ħa nikkonfermah. Dak jikkonfermawh l-awtoritajiet imma hemm screenshots ukoll li meta xi ħadd u ħafna nies saqsew lil ċerti membri tal-Parlament li “yes ġejjin minn għandna.”
Minn naħa tagħha fuq l-istess programm, Claudette Buttigieg, b’idha fuq il-kuxjenza saħqet li d-deputati li sfiduċjaw lil Delia taw iċ-ċans lil Kap sabiex jaħdem.
Meta kien mistoqsija: “Qatt tajtuh ċans? Qatt ħallejtuh jaħdem lil Adrian Delia matul dawn it-3 snin?”
Hija wieġbet: “B’idi fuq il-kuxjenza, iva.”
Madankollu Arrigo indika bil-kontra hekk kif semma lil Beppe Fenech Adami bħala l-persuna li mal-ewwel kien iddikjara li Adrian Delia mhux il-kap tiegħu, propju fl-ewwel laqgħa tal-grupp parlamentari.
Huwa stqarr: “Jekk trid isem kien il-Viċi Kap predeċessur li kien hemm.”
Intant fuq l-istess programm Robert Arrigo kkonferma r-rapporti ta’ ONE News li l-maġġoranza tal-grupp parlamentari ħatfu l-kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament: “Meta dħalt fil-Parlament rajt l-hekk imsejjaħ grupp l-ieħor jiltaqa’ bħala grupp parlamentari fil-kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.”
Min-naħa tagħha Claudette Buttigieg dehret skomda għall-aħħar meta kienet affaċjata b’mistoqsija dwar jekk id-deputati li sfiduċjaw lil Delia humiex wara Therese Comodini Cachia.
Hija qalet: “Dawk huma żewġ affarijiet differenti u dik se tkun deċiżjoni tagħha.”
Meta kien misstoqsija: “Temmen li għandha tkun Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit?
Erġa’ għidli, x’nemmen?
Temmen li Therese għandha tkun Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit?”
Hija stqarret: “Jiena nemmen li idealment iva.”
U wara li Comodini Cachia kienet iddeskriviet lil Delia bħala captain tat-tim b’saqajh fil-ġibs, Buttigieg iddeskriviet lil Adrian Delia, hekk.
Buttigieg sostniet: “Aħna qegħdin f’tellieqa orrajt fejn l-iktar żiemel importanti li għandek f’din it-tellieqa qiegħed izappap sew. X’tagħmel? Mhux iġġib żiemel ieħor.”
Fi tmiem il-programm meta mistoqsi dwar il-persuni li jistgħu jitfgħu isimhom għat-tellieqa tal-Kap, Robert Arrigo rrimarka li lilu ħadd ma semmieh u qed jikkunsidra wkoll li joħroġ.
Arrigo qal: “Fil-fatt ħadd ma jsemmini lili. Dak li hemm bżonn wieħed jagħmel.”
Meta kien mistoqsi: “Jiġifieri inti qed tikkunsidra wkoll?” Huwa wieġeb: “I’m considering all options.”