Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-budget imħabbar mill-Gvern huwa wieħed fl-ispazju.
Dikjarazzjoni surreali li tixbah ħafna lil dik li għamel il-Kap tiegħu Adrian Delia meta qal li l-budget huwa xott.
Fil-Parlament, Arrigo stqarr: “Baġit qisu qiegħed fl-ispazju għalija.”
Waqt id-dibattitu Parlamentari dwar l-estimi tal-Ministeru għat-Turiżmu, Arrigo qal li l-Gvern abbanduna lil pajjiżna u ma għamel l-ebda proġett biex pajjiżna issa sar two stars.
“Insejna meta sar xi ħaġa bħal proġett. Sar laqa tarmak fil-wiċċ”, tenna Arrigo.
Dan minkejja li fl-aħħar sena l-Gvern fetaħ ġnien Franġisku Laparelli fil-foss tal-Belt u rreġenera erba’ bajjiet fin-Nofsinhar ta’ Malta. Beda wkoll il-proġett ta’ afforestazzjoni f’Bengħajsa biswit il-Freeport, filwaqt li fl-2020 se tibda’ r-reġenerazzjoni taż-żona tal-Magħluq f’Marsaxlokk, il-proġett tal-Mall fil-Furjana, fost ħafna oħrajn.
Attakka wkoll il-ftehim storiku ta’ riklamar ma’ Manchester United li se jwassal għal promozzjoni bla preċedent ta’ pajjiżna mal-iktar klabb tal-futbol segwit fid-dinja.
Qal li se jkunu l-lukandiera li se jagħmlu tajjeb għal dan il-ftehim.
Arrigo sostna: “Mr. A, naqqasli 5% għax dan iżomm mal-United.”
Tenna wkoll id-dikjarazzjoni surreali li għamel fuq il-midja Nazzjonalista li l-Gvern missu m’għamilx ftehim bħal dan għax hawn min ma jżommx ma’ Manchester United. Arrigo tenna: “Imma hemm oħrajn li ma jħobbuhomx.”
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-turiżmu wera’ wkoll li ma jafx x’korsijiet isiru fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Qal li din għandha tespandi l-korsijiet tagħha lil hinn mill-ikel u x-xorb. Hu qal: “L-ITS ukoll tista’ tagħmel courses iktar milli qed tagħmel tal-food and bev.”
Dan minkejja li l-ITS vara fl-aħħar xhur korsijiet fuq livell ta’ Masters fosthom mal-Emirates Academy of Hospitality Management. Kors li għalih applikaw 25 persuna.
Dan filwaqt li tniedew kollaborazzjonijiet oħra mal-Istituti Ducasse u Paul Bocuse fi Franza u l-Universita ta’ Haaga Helia fil-Finlandja.
Korsijiet li ttrasformaw l-ITS f’wieħed mill-iprem istituti turistiċi fil-Mediterran.
F’sensiela ta’ dikjarazzjonijiet surreali, Arrigo qal ukoll li d-dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista kien aħjar mill-baġit li ppreżenta l-Gvern.
Arrigo temm jgħid:“Ħarsa lejn il-prebudget document li aħna għamilna tara iżjed proposti milli dawk li kien hemm tal-Gvern. Morna aħjar minn tal-gvern naħseb.”
Dan minkejja li d-dokument ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista ma joffrix soluzzjonijiet għal bosta sfidi, fosthom kif żgħażagħ jistgħu jixtru proprjetà għall-ewwel darba, u lanqas biss hemm stima ta’ kemm jiswew il-proposti.