Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo, ma qagħdx idur mal-lewża. Jinsab imħasseb dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.
Meta kien qed jitkellem fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista ammetta li l-problemi kollha li għadda minnhom il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat, jistgħu joħolqu problemi ġodda.
Fuq kollox għax il-Partit Nazzjonalista tilef il-ġbir ta’ fondi ta’ Ġunju li għadda.
Arrigo stqarr: “Ħa nibdew bl-appell għax aħna bħal ma tafu mmisjajna l-maratona ta’ Ġunju. L-affarijiet li ġraw kollha u dik tista’ toħloq problema ta’ flus sakemm ma nirkuprawhomx ”
Robert Arrigo kien qed jitkellem meta f’jum għeluq snin Adrian Delia sar ġbir ta’ fondi fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal “Allura nħeġġeġ in-nies bħalma qed jagħmel, l-isbaħ ħoss, iċempel xi ħadd. Jekk jista’ jkun iċemplulna. M’għandniex ambizzjonijiet kbar kull ftit jgħodd”.
Fl-aħħar jiem żvelajna kif fl-aħħar jiem bdiet tirrenja inċertezza ġdida fl-istamperija, speċjalment fost il-ħaddiema li ma jafux x’se jkun il-ġejjieni.
U t-tħassib tagħhom kiber b’dikjarazzjoni bħal ta’ Arrigo, li għall-ewwel darba qal li appoġġja lil Delia fil-vot ta’ fiduċja għall-Kap. U għal darb oħra semma l-flus.
“Ma tbiddilx iż-żiemel fost ix-xmara u kienet importanti kienet importanti stabbilta tal-partit anke fil-flus” temm jgħid il-viċi kap Nazzjonalista.