Koppja nżammu arrestati wara li tressqu l-qorti akkuzati b’serq aggravat ta’ €4,000 mingħand Lamin Jammeh.
John Mifsud ta’ 43 sena u Leanne Chalbi ta’ 30 sena it-tnejn minn San Ġwann huma akkużati li serqu l-bagalja tar-raġel li kien fiha l-flus kif ukoll li dabrulu daqqtejn u kaxkruh mal-art waqt li kien qiegħed jiggranfa mal-karozza. Il-każ seħħ fit-22 ta’ Novembru fi Triq is-Serkin il-Marsa. Apparti minn hekk l-imputati huma akkuzati li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi, b’sewqan perikoluż, li huma riċedivi kif ukoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti ngħad li minkejja li l-vitta kien qed jaqla x-xeba, huwa fetaħ il-biebatal-karozza b’tentattiv li jidħol ġo fiha- meta l-aggressuri kienu qed jipprovaw jaħarbu.
Madanakollu huwa ma rnexxilux u tkaxkar mat-triq kollha għal madwar 60 metru. Minkejja li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba u għalhekk inżammu arrestati.