Raġel ta’ 59 sena u mara ta’ 24 sena ġew arrestati wara allegat negozju tad-droga kokaina, bil-valur fit-triq tlaħħaq madwar tliet mitt elf ewro.
Is-Sibt, il-Pulizija segwiet vettura wara informazzjoni li x-xufier tagħha x’aktarx kien fil-pussess tad-droga.
Malli waslu l-Kalkara, il-Pulizija ċċirkondaw il-karozza li kienet qiegħda tinstaq mir-raġel u ġie arrestat.
Wara tfittxija li saret fil-karozza, il-Pulizija sabet ħames kilogrammi sustanza suspettata kokaina.
Fuq il-post ukoll, il-Pulizija arrestat il-mara, li kienet f’vettura oħra u li allegatament, kienet se tkun involuta fin-negozju tad-droga.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella li qiegħda tmexxi inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.