Żewġt irġiel armati ġew arrestati waqt li nqabdu fil-fatt jisirqu minn ħanut f’San Pawl il-Baħar. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ dalgħodu fi Triq il-Maskli, x’ħin Surġent u Kuntistabbli kienu għaddejjin mill-inħawi fuq ronda.
Wara li semgħu l-għajjat mill-ħanut, azzjoni f’waqtha minnhom wasslet biex is-serqa ġiet sfrattata. Il-Pulizija ordnaw lill-aggressuri biex ineħħu l-armi u jobdu l-ordnijiet, wieħed minnhom ħarab jiġri ’l ġewwa fl-istess ħanut. Hu nstab jissielet ma’ bieb biex jipprova jaħrab, iżda twaqqaf minnufih mill-Pulizija.
Tim mediku wasal fuq il-post biex jassisti lil żewġ ħaddiema involuti – mara ta’ 29 sena residenti l-Imsida u raġel ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar. Dan tal-aħħar ġarrab xi ġrieħi ħfief permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta wara li wieħed mill-ħallelin heddu biha ma’ daharu.
Minnufih ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa, Caroline Farrugia Frendo, li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.