Tliet persuni Ungeriżi, ġew arrestati mill-Pulizija, b’rabta ma’ rapport li sar, wara li dawn allegatament daħlu fi proprjetà privata mingħajr permess.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li lbieraħ għal ħabta tal-10 ta’ filgħaxija, ġew informati minn sid ta’ residenza privata fi Triq is-Silla, is-Swieqi, li aktar qabel lemaħ żewpt irġiel u mara jieħdu ritratti tad-dar tiegħu u wkoll li daħlu fuq wara tad-dar u bdew jittawlu fuq ġewwa tal-istess dar.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li dawn it-tliet persuni dehru fuq filmati tas-sigurtà, li aktar qabel kienu daħlu fl-istess proprjetà u għalkemm ma nsteraq xejn, huma dehru jħufu madwar il-post, sakemm telqu b’vettura ftit wara li sid id-dar innutahom.
L-investigazzjonijiet immedjati tal-Pulizija malli sar ir-rapport ħallew il-frott, hekk kif ġew identifikati u arrestati għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu f’San Ġiljan.
Huma qed jinżammu arrestati u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.