Rapporti qed jgħidu li ġew arrestati tlett irġiel suspettati li ssupplixxew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Skont it-Times dawn huma l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa bħala tal-Maksar, u Jamie Vella.
Huma ġew arrestati mill-pulizija waqt operazzjoni li saret illum.
Dan l-iżvilupp isegwi ieħor fil-Qorti fejn Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Intant it-tlett irġiel suspettati li ġew arrestati fl-aħħar sigħat kienu diġà ġew arrestati f’Diċembru ta’ erba’ snin ilu meta l-pulizija wettqet diversi rejds u arrestat għaxar persuni.
Huma kienu nħelsu ftit wara.
Allegatament, it-tlett irġiel suspettati li ssupplixxew il-bomba, taw struzzjonijiet ċari lill-allegat eżekuturi fil-qtil ta’ Caruana Galizia dwar kif se jisplodu l-bomba fil-karozza ta’ Caruana Galizia.
Huma allegatament taw dettalji tal-messaġġ li kellu jintbagħat bil-mobile biex il-bomba tieħu.
Rapporti qed jgħidu li l-persuni arrestati llum anki taw armi f’idejn l-allegat eżekutturi biex jisparaw minn distanza u joqtlu lil Caruana Galizia.
Dan il-pjan kien ġie abbandunat u minflok saret il-bomba.
https://www.one.com.mt/2021/02/23/vince-muscat-jammetti-l-akkuzi-dwar-il-qtil-ta-dcg-3/