F’numru ta’ rejds li wettqet, il-Pulizija Taljana arrestat aktar minn 61 persuna, meqjusa bħala suspettati li jiffurmaw membri mill-aktar mafja b’saħħitha, magħrufa bħala Ndrangheta.
Huma qed jiġu akkużati b’reati relatati ma’ frodi, traffikar tad-droga, li intimidaw jew bil-forza ħadu art lill-bdiewa, fost oħrajn.
F’din l-operazzjoni, kien hemm involuti mal-500 uffiċjal.
Il-ġimgħa li għaddiet aktar minn persuna ġiet arrestata madwar l-Ewropa, f’dik deskritta bħala l-akbar operazzjoni li qatt saret kontra l-Mafja Ndrangheta. 10 pajjiżi kienu nvoluti, fejn ġew ikkonfiskati mal-€25 miljun f’assi.
L-investigazzjonijiet żvelaw informazzjoni importanti ta’ kif jopera l-grupp, inkluż ta’ kif mexa waqt il-pandemija.
Wieħed mill-kapijiet tal-grupp mafjuż, Pasquale Bonavota, ġie arrestat f’Katidral f’Genoa x-xahar li għadda.
Mijiet ta’ persuni oħra, li kellhom x’jaqsmu mal-mafja, intbagħtu l-ħabs jew għadhom fil-proċess ġudizzjarju fuq suspett ta’ involviment mal-familja mafjuża, Mancuso – waħda mill 150 familja li tifforma parti minn Ndrangetha.
Il-midja internazzjonali qalet kif dan il-grupp saħansitra qabeż lill-Cosa Nostra, li sa ftit ilu kien meqjus bħala l-aktar wieħed b’saħħtu fl-Italja u li jopera f’40 pajjiż differenti.
Intant, Uffiċjali Taljani u Belġjani qalu kif jaħsBu li l-grupp mafjuż daħħal mal-25,000 kg kokaina bejn Ottubru tal-2019 u JaNnar tal-2022, b’profitt ta’ €22 miljun.