Il-Pulizija arrestat mill-ġdid tnejn mill-erbgħa persuni li l-Erbgħa waranofsinhar ingħataw il-police bail b’rabta mad-diżgrazzja li seħħet it-Tnejn li għadda li fiha nqatlet Miriam Pace ta’ 54 sena mill-Ħamrun. F’aġġornament, il-Pulizija żiedet tgħid li fl-aħħar ħin ukoll, iż-żewġ persuni li kienu arrestati t-Tlieta ġew rilaxxati fuq police bail.
Żiedet tgħd li s-sitt persuni msemmija għadhom qed jgħinu b’mod attiv fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u fl-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw li l-pulizija kompliet tinvestiga dan il-każ bla waqfien.
Ingħad li l-persuni li fl-aħħar sigħat ġew mitkellma mill-pulizija b’rabta ma’ din it-traġedja qalu lill-pulizija li ma kinux qegħdin jiskavaw fis-sit li jmiss mal-binja tal-familja Pace. Sorsi li tkellmu mal-ġurnal The Times qalu li waqt l-interrogazzjoni tagħhom, dawk arrestati qalu li l-ħaddiema kienu qegħdin ineħħu saffi ta’ ħamrija u terrapien.
Madankollu, l-investigaturi sabu makkinarju apposta li jintuża għall-iskavar fosthom biċċa għodda li tintuża għat-tħaffir. Żiedu jgħidu li l-pulizija ma jistgħux jistabbilixxu jekk ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin jiksrux il-liġijiet qabel ma titneħħa l-massa kbira ta’ debris li għad hemm fuq il-post. Dan biex l-investigaturi jkunu jistgħu jeżaminaw is-sit u jistabbilixxu l-fatti.
Huwa żied jgħid li fl-aħħar sigħat, il-pulizija ħadet l-aħħar stqarrijiet tas-sitt persuni arrestati. Madandkollu tenna li biex jiġi ddeterminat x’wassal għall-waqgħa tad-dar jeħtieġ li ssir analiżi minn esperti tal-bini kemm tad-dar imġarrfa u kemm tas-sit li fih kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.
L-istess sors qal li l-investigaturi għandhom it-teorija tagħhom ta’ x’seta’ wassal għal din l-inċident. Madankollu f’dan l-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, qalu li din l-ipotesi għad trid tiġi analizzata aktar fid-dettall. Żiedu jgħidu li waħda mill-possibilitajiet li setgħet wasslet għat-tiġrif tad-dar kienet it-tneħħija ta’ xi arkati taħt id-dar tal-familja Pace. Madankollu ngħad li hemm fehmiet kuntrastanti dwar dan.
L-istess sorsi qalu li dan il-każ mhux ċar daqs kemm wieħed jista’ jaħseb u li f’dan l-istadju, il-pulizija trid taċċerta l-fatti kollha. Is-sit fil-Ħamrun għadu magħluq minħabba l-investigazzjonijiet tal-pulizija u inkjesta separata li għaddejja mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.