Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Pulizija arrestat ħames persuni b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Dan ftit sigħat wara li l-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti lill-ġurnalisti f’Kastilja ħabbar li ngħalqet l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, li kienet immexxija mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Kien ONE News li żvela l-arrest ta’ dawn il-ħames persuni, il-Ġimgħa filgħaxija, b’dawn l-arresti saru fuq rakkomandazzjoni tal-inkjesta Maġisterjali li indikat kontra min kellhom joħorġu akkużi kriminali.
B’din ġiet ikkonfermata minn stqarrija tal-Pulizija s-Sibt filgħodu, fejn intqal li l-Pulizija, wara l-konklużjoni tal-inkjesta, esegwit immedjament bl-arrest ta’ ħames persuni.
Il-ħames persuni arrestati mill-Pulizija huma l-iżvillupaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri, il-perit Adriana Zammit, il-kuntrattur Miromir Milosovic u qariba ta’ Milosovic.
Jean Paul Sofia, żagħżugħ ta’ 20 sena tilef ħajtu fit-3 ta’ Diċembru li għadda wara li waqgħet binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.