Erbgħin persuna li kienu qed jgħixu f’Malta illegalment, ġew arrestati u beda l-proċess biex ma jibqgħux f’pajjiżna.
Dawn l-arresti saru f’operazzjoni mwettqa fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa mill-Pulizija, mis-Servizzi tad-Detenzjoni u mid-Diretorrat għas-Saħħa Ambjentali, li għamlu spezzjonijiet fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’Ħ’Attard.
Dan ukoll bħala parti minn ħidma ma taqta’ xejn kontra l-immigrazzjoni irregolari.
Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali tkellmu ma’ persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti fit-toroq, f’waqfiet ta’ tal-linja u anki f’binjiet. F’dawn tal-aħħar instab li kienu qed jgħixu diversi persuni barranin f’kundizzjonijiet ħżiena u mingħajr permess li jkunu f’pajjiżna.
Fil-fatt, malli l-Pulizija rat li dawn il-persuni m’għandhomx id-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikunu f’Malta, arrestat erbgħin persuna u minnufih inbeda l-proċess biex ma jibqgħux f’pajjiżna.
L-awtoritajiet se jkunu qed jinvestigaw lis-sidien tal-postijiet fejn instabu dawn il-persuni.
Din il-ħidma tmur id f’id ma’ operazzjonijiet simili li jsiru b’mod regolari bil-għan li jibagħtu messaġġ ċar; li l-komunitajiet tagħna jħaddnu l-prinċipju tal-osservanza tal-liġijiet biex min jgħix fihom, iħossu sigur.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri kiteb kif dan kien it-tielet rejd fi ftit jiem kontra l-immigrazzjoni irregolari, u matulu ġew issiġillati proprjetajiet u anki ġie maqtugħ is-servizz tad-dawl u l-ilma.
Qal li b’dawn l-operazzjonijiet qed jintbagħat messaġġ ċar li pajjiżna mhuwiex miftuħ għal dawk li ma josservawx il-liġi.
Fl-istess waqt fakkar kif b’dan il-mod, l-awtoritajiet qed jiġġieldu l-immigrazzjoni irregolari bi strateġija mibnija fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni.