Tlett persuni oħra ġew arrestati b’rabta mas-cyber attack li seħħ fi Frar tas-sena l-oħra u li fih il-Bank of Valletta nsterqulu tlettax-il miljun ewro, b’għaxar miljun minnhom ġew irkuprati.
Fi stqarrija il-Pulizija Ingliża qalet li raġel ta’ tlieta u tletin sena ġie arrestat il-Ħamis filgħaxija fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus, frodi u serq fl-Ajruport ta’ Heathrow, f’Londra.
Dan filwaqt li l-Ġimgħa filgħodu, żewġ t’irġiel oħra, wieħed ta’ tlieta u għoxrin sena u ieħor ta’ erbgħa u għoxrin sena taw ruħhom b’idejhom f’għassa tal-pulizija f’Belfast.
Il-Ħamis il-Pulizija Ingliża arrestat ukoll żewġ żgħażagħ ta’ sbatax u tnejn u għoxrin sena u raġel ta’ disgħa u tletin sena f’Belfast b’rabta ma’ dan ir-reat.
L-arresti seħħew wara li nħareġ mandat ta’ arrest fin-naħat kollha ta’ Belfast b’parti mill-investigazzjonijiet ta’ cyber attack fuq il-bank Malti fi Frar li għadda.
L-Aġenzija Nazzjonali ta’ kontra l-kriminalita qalet li allegatament il-flus misruqa ġew trasferiti f’diversi kontijiet fosthom f’Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq u li fihom għaddew tmien mitt elf lira sterlina.
Fis-sigħat ta’ wara saru għadd ta’ pagamenti b’kard u ġbid ta’ flus kontanti, għal total ta’ tliet mija u erbgħin elf lira sterlina qabel ma ngħalaq il-kont.
Il-pagamenti saru fost oħrajn fi ħwienet li jbigħu oġġetti ta’ valur għoli bħal Harrods f’Londra.
Ftit aktar minn mitt lira sterlina oħra tħallsu fuq arloġġi Rolex f’ħanut f’Londra waqt li saru pagamenti fuq karozzi lussużi.
Il-Kmandant tal-aġenzija kontra l-kriminalità ta’ Belfast qal li kif il-pulizija Ingliża ser tkompli taħdem mal-awtoritajiet Maltin biex l-investigazzjonijiet ikomplu mexjin il quddiem