Il-Ħadd filgħodu, il-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali mis-Servizzi ta’ Detenzjoni komplew bl-ispezzjonijiet li għaddejjin kontinwament, bħala parti minn strateġija ta’ prevenzjoni.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li hija arrestat 23 persuna li ma kienux qed jgħixu f’pajjiżna b’mod regolari, wara spezzjonijiet li għamlu fit-toroq tal-Ħamrun u ta’ Santa Venera.
Dawn ġew mitkellma mill-Pulizija, kif ukoll ittieħdu minnufih fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni biex imbagħad eventwalment jibda l-proċess biex jitilqu minn Malta.
Sadanittant, f’din l-istess stqarrija l-Pulizija qalet li ngħalqu l-proċessi li waslu biex persuni li nstabu jgħixu rregolarment f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat, diġà m’għadhomx f’pajjiżna.
Dawn il-persuni li kienu f’pajjiżna llegalment ittieħdu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u wara tneħħew mill-pajjiż, f’messaġġ ċar favur iż-żamma tal-ordni u l-ħarsien tal-liġijiet ta’ pajjiżna.