Fl-aħħar sigħat, 11-il persuna ġew arrestati f’appartamenti u fi ġnien pubbliku f’San Ġiljan f’ħidma kontra l-abbuż u t-traffikar tad-droga.
Il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li f’appartament fi Triq Dragonara kien qed isir traffikar tad-dorga, u meta l-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, sabu żewġ żgħażagħ ta’ 20 u 22 sena mil-Latvja, u Spanjola ta’ tlieta u tletin sena.
Fit-tfittxija, li saret bl-għajnuna tal-klieb tal-Pulizija, instabet sustanza suspettata kannabis fil-kamra tas-sodda. Fl-istess appartament instabu aktar oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.
Il-ħidma ssoktat fi ġnien pubbliku ftit ’il bogħod mill-appartament fejn ġie nnutat li xi persuni allegatament setgħu kienu qed jabbużaw mid-droga, u persuna minnhom allegatament tbiegħ id-droga.
Hemmhekk ġew arrestati tmien persuni mis-Somalja.
Il-persuni kollha ġew mitkellma mill-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni.
L-uffiċjali għamlu wkoll tfittxija f’residenza fi Triq Schriber fejn instab Somalu ta’ tletin sena li allegatament kien qed ibigħ id-droga.
Fir-residenza nstab ammont ta’ droga suspettata kannabis, u miżien.
Dawn l-arresti saru f’ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema, flimkien mas-Sezzjonijiet tal-Klieb u tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija.
Ritratti: Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)