Mara ta’ ħamsa u erbgħin sena se titressaq il-Qorti fil-ħin li ġej wara li allegatament wettqet serqa fuq tliet anzjani, flimkien ma’ binha li għandu tlettax-il sena.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar, fi Triq Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.
Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett irriżulta li l-mara u t-tifel tagħha ħabbtu fuq il-bieb tad-dar biex jittallbu għal xi flus.
Waqt li anzjana daħlet ġewwa biex iġġib xi flus, il-mara daħlet warajha, ħatfet xi ammont ta’ flus li kien hem fuq mejda u ħarbet tiġri ma’ binha.
Ftit tal-ħin wara membri tar-Rapid Intervention Unit (l-RIU) bdew ifittxu għall-mara u binha.
Nofs siegħa wara huma twaqqfu fi Triq l-għaxra ta’ Frar, f’San Pawl il-Baħar.
Fuq it-tifel instabu l-flus misruqa.
Il-Pulizija, bl-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ, ħadet lit-tifel għand xi qraba.