Matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart ta’ filgħaxija, il-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun ġiet infurmata li hemm raġel suspettuż idur mal-karozzi pparkjati u jipprova jisgassahom.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u bdew bit-tfittxijiet għal dan ir-raġel.
Fi Triq Mile End, innutaw raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat.
Malli l-Pulizija avviċinawh, huwa ħarab jiġri sakemm ġie arrestat ftit ’il bogħod.
Waqt l-arrest, ir-raġel ma bediex jikkopera u kien vjolenti fil-konfront tal-Pulizija, tant li kkawża xi ġrieħi lil Kuntistabbli.
Malli kien immanettjat, il-Pulizija għamlu tfittxija fuqu u nstabu teka tal-ostji, tliet mobiles u arloġġ, fost affarijiet oħra misruqa.
Aktar tard, iż-żagħżugħ ġie identifikat li huwa miċ-Chad u għandu tnejn u għoxrin sena.
Huwa ttieħed l-għassa tal-Ħamrun u wara ġie eskortat lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Il-Kuntistabbli ngħata l-għajnuna medika f’ċentru tas-saħħa u ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.