Melvin Debono ta’ 26 sena minn Raħal Ġdid tressaq il-Qorti fuq pussess agravat ta’ kokaina kif ukoll fil-pussess ta’ droga kannabis. Dan wara li l-Pulizija għamlet tfittixa fil-garaxx tiegħu fuq informazzjoni mgħoddija lilha.
Huwa ġie akkużat ukoll li kemm-il darba kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest kif ukoll il-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża.
Fil-Qorti l-Pulizija qalet kif fil-garaxx ta’ Debono instabu tlieta u sebgħin pakkett b’sustanza maħsuba kokaina, li kienu moħbija f’ kontenitur u vażett tan-Nutella. Dan flimkien ma’ mitejn u ħamsa u għoxrin gramma kokaina f’ diversi qratas kif ukoll ma ammont żgħir ta’ marijuana.
Debono wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Grazio Mecieca ta l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu personali ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000 ewro.