Jassem Al Taher ta’ 36 sena gie arrestat wara li dakinhar filgħaxija li allegatament wettaq serqa minn dar, huwa reġa rritorna quddiem il-bieb tar-residenza.
Hekk semgħet il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra żewġ Libjani li qed jiġu akkużati b’hold up minn residenza fil-Belt.
Il-kaz imur lura għal 10 ta’ Awwissu meta għall-ħabta tan-12.30 sar hold up f’residenza fi Triq Marsamxett fil-Belt Valletta. Allegatament dakinhar tliet persuni kienu daħlu f’dar privata fejn hemmhekk sabu mara anzjana. Huma żammewha, heddewha u skond il-verżjoni tal-vittma żammewlha sikkina m’għonqha filwaqt li b’subgħajhom f’ħalqha żammewha milli titlob l-għajnuna.
Is-Surġent Stephen Gulia fuq il-pedana tax-xhieda rrakkonta kif dakinhar stess filgħaxija daħal rapport li wieħed mill-aggressuri kien reġa’ rritorna quddiem ir-residenza. Meta marru l-pulizija fuq il-post qal kif l-apparenza tas-suspettat kienet taqbel mal-apparenza ta’ wieħed mill-aggressuri. Qal li kienu diga ġew elevati immaġini mill-kameras tas-sigurtà. Għalhekk hemmhekk ġie arrestat Al Taher.
Waħda mix-xhieda marbuta mal-każ qed tonqos milli tidher fil-Qorti u għalhekk giet imħarrka €150 minħabba d-disprezz lejn il-Qorti.