Raġel ta’ 32 sena kien arrestat waqt spezzjonijiet fit-toroq li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija matul il-lejl li għadda fi Triq il-Perit Dom Mintoff f’Raħal Ġdid. Huwa nqabad fil-pussess ta’ droga.
Il-Pulizija waqqfet lir-raġel li kien qed isuq karozza tal-għamla Volkswagen Up biex tiġi spezzjonata. Waqt li l-pulizija bdew jitkellmu max-xufier, innutaw li hu flimkien mal-passiġġier – raġel Taljan ta’ 34 sena – bdew jaġixxu b’mod suspettuż.
Għalhekk saret tfittxija fil-karozza u fil-bieba tan-naħa tax-xufier u mdendlin maċ-ċwievet tal-karozza nstabu pakketti b’sustanza suspettata droga kokaina. Instab ukoll basket li kien fih ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ittieħed fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid u aktar tard ġie skortat lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.