Raġel ta’ 49 sena ġie arrestat mill-Pulizija fuq suspett ta’ traffikar tad-droga.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għal xi nofsinhar meta l-pulizija nnutat lir-raġel ħiereġ minn residenza fil-Marsa fi Triq Callus li allegatament kienet qed tintuża għat-traffikar. Kien hawn li waqt li l-pulizija kienu qegħdin javviċinawh, huwa nduna bil-preżenza tagħhom u malli kien se jirkeb fil-vettura, huwa deher jarmi borża.
Minnufih ir-raġel ġie arrestat u fil-borża nstabu qratas b’sustanzi ta’ lewn abjad u kannella suspettati kokaina u eroina.
Minn tfittxija li saret fuqu nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, waqt li mir-residenza ġew elevati diversi oġġetti oħra bħala parti mill-investigazzjonijiet.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt.