Mara ta’ 40 sena residenti Ħaż-Żabbar sfat mheddha b’sikkina minn raġel li serqilha l-flus li kellha fuqha waqt li kienet qed tagħmel użu minn magna tal-ATM. Dan ġara lbieraħ, għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi.
Membru tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, li kien xogħol fl-inħawi fil-ħin tas-serqa u sema’ lill-vittma titlob l-għajnuna, ġera wara l-allegat aggressur u arrestah ftit wara.
Il-flus li allegatament ġew misruqa, flimkien mas-sikkina ġew elevati mill-Pulizija, filwaqt li r-raġel qed jinżamm arrestat, sabiex jassisti fl-investigazzjoni li għadha għaddejja.