Raġel ta’ 26 sena mill-Marsa nżamm arrestat wara li ammetta li intimida lil ommu, lil oħtu u lit-tfajla tiegħu biex jgħinuh jiffinanzawlu l-vizzju li għandu tad-droga.
L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fuq akkużi li uża mezzi ta’ vjolenza kontrihom u kontra l-proprjetà tagħhom fit-12 ta’ Awwissu u fil-ġimgħat u fix-xhur ta’ qabel, waqt li nstab li kien riċediv.
Hu mifhum li r-raġel kisser il-bieb tad-dar tat-tfajla, waqt li heddiha għall-flus biex jixtri l-crack. Meta fuq il-post waslet ukoll oħtu, ir-raġel spiċċa jheddidha wkoll.
Sussegwentement ir-raġel mar għand ommu ftit wara fejn lil ommu tagħtih il-flus. Meta rrifjutat, hu kisser il-bieb tal-appartament ta’ ommu u tal-komun tal-blokka tal-appartamenti wkoll.
Dan kollu allegatament seħħ waqt li r-raġel kien taħt l-influwenza tad-droga.
Il-pulizija arrestaw lir-raġel fid-dar tal-familja tiegħu.
Fil-Qorti ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u l-każ ġie aġġornat għax-xahar id-dieħel.