David Sasay ta’ 21 sena nżamm arrestat wara li ammetta li weġġa gravi mara fil-Belt Valletta.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima semgħet li l-akkużat ġie mixli wkoll li jgħix ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-Avukat difensur Ilona Schembri qalet lill-Qorti li fid-dawl tal-provi li għandhom f’idejhom u l-fatt li l-akkużat ma jiflaħx iħallas l-ispejjeż tal-Qorti, se jkun qed jerġa’ jikkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Intant il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jurgen Dalli, talbet lill-Qorti biex tikkunsidra l-inqas piena possibbli għall-akkużat, dan wara li kkoppera bi sħiħ mal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-Qorti għandha tikkunsidra ordni ta’ trattament għall-akkużat biex jegħleb il-vizzju tax-xorb li għandu.
Is-sentenza se tkun qed tingħata fil-21 ta’ Marzu li ġej.