Erbat ijiem wara inċident li fih sewwieq laqat persuna u telaq minn fuq il-post, il-Pulizija arrestat raġel ta’ disgħa u għoxrin sena mistenni tressqu l-qorti fis-sigħat li ġejjin. Il-każ seħħ fil-11 ta’ Jannar li għadda meta raġel ta’ disgħa u sittin sena minn Ħal Qormi ndarab gravi wara li ntlaqat minn sewwieq fi Triq l-Imdina.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li fl-aħħar jiem komplew bl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ. L-arrest tar-raġel sar fl-istess waqt li l-Pulizija mid-Distrett ta’ Ħal Qormi sabiet il-karozza li allegatament kienet involuta fil-każ. Il-karozza tal-għamla Toyota Spacio nstabet fl-inħawi ta’ Għar Lapsi fil-limiti tas-Siġġiewi.
Il-Pulizija qalet li minn investigazzjonijiet li saru ġew innotati ħsarat fil-karozza li kienu kompatibbli mal-inċident fosthom il-parti fejn hemm il-mera li tqaċċtet u li ġiet elevata mill-Pulizija minn fuq il-post tal-inċident.