Raġel ta’ 54 sena ġie arrestat b’rabta ma’ aggressjoni u serqa fuq anzjan f’Santa Venera.
Il-każ seħħ fis-7 ta’ Mejju li għadda, għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħaxija, meta l-anzjan ta’ 75 sena nstab mixħut mal-art, b’feriti f’rasu, f’Misraħ il-Barrieri, Santa Venera.
Minn stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li xi ħadd ħebb għall-anzjan waqt li kien miexi. L-aggressur waqqgħu mal-art u seraqlu l-kartiera li kien fiha xi flus.
Ir-raġel ġie arrestat mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun, wara l-aggressur ġie identifikat permezz ta’ diversi investigazzjonijiet u analiżi minn kameras tas-sigurtà.
Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum fis-1:30 ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia.